Make your own free website on Tripod.com

Nature in Malta

Home | About Me | Nature Walks | Links - Nature | Contact Me | Flora | Fauna | Landscapes | My Articles | Green Country Code | Dedicated to nature | Xi kitbiet
Xi kitbiet

Enter subhead content here

Il-Wied tal-Isem Stramb
 
Il-ġnien tagħna huwa dan:
il-wied ta' ismu stramb,
fejn nixxabbtu fuq iż-żonqor
u ninżlu sal-qiegħ
bil-pass jegħreq fil-ħaxix iffullat
u qalb ix-xewk ta' mitt xewka.
It-territorju tagħna huwa dan:
fejn titħaxken it-tina mal-blat
u jittajru merill wara ieħor.
Din hija il-"propjetą" momentarja
naqsmuha biss ma' l-erbat ifriefet
li jżuruha
u dawk l-oħra li jittajru lejha.
U ħalluna bi kwietna
fil-wied ta' ismu stramb
ħalli nimtedd mal-ġnub tiegħu
inrejjex fis-sħab
mal-qattus mixħut miegħi.

Għawma-titjira
 
Titjira f’wiċċ l-ilma –
nofroq il-kurrenti mielħa li jdawruni
u jiżolqu minn fuq il-ġilda bla rix.
Taħti jinfirex ix-xagħri ta’ taħt il-baħar,
b’merħla granċijiet kbar ċatti jirgħu jikinsu l-blat ħaj.
Familja marzpan tiġri fis-savanna
u kullimkien ilebbet il-mulett.
Isaltan fl-ajru-baħar iċ-ċawl-rundun
jgħasses il-foresti ta’ l-alka fejn jitfaċċa l-burqax
gwardjan il-qarnita.
Il-ġmiem jifrex ma’ l-irdumijiet tal-blat mirdum,
biċ-ċistosejra u denb il-pagun jitmewwġu jitbandlu
'l hemm u 'l hawn
'l hawn u 'l hemm.

Ipnożi.

U nerġa ninqabad minn għajnejn iċ-ċerna,
ħarsa manjetika li twaqqfek u titlob attenzjoni immedjata.
Xi trid tgħidli llum ?
X’logħba se nilgħabu ?
U tibqa’ tinbex kurjuża ssegwi kull mossa
sakemm nerġa nillandja fuq blat-in-nixfa.

Waħdi Mhux Waħdi
 
Nofs widna
‘l fuq mill-ilma
tiġbor l-ilħna tal-merilli.
Nofs widna
taħt il-wiċċ
tilqa’ ċ-ċapċip taċ-ċaqliq.
Ix-xilep jirgħa mal-qiegħ
nistħajlu jdeffes imnieħru f’xi fjura misterjuża
u jisfar.
Kull blata kullana niċeċ
żgħar u kbar:
Il-wied ta’ Binġemma mgħarraq fl-ikħal.
Granċ jitperreċ mill-gallarija tiegħu
jittawwal minn taħt l-arkata.
Titwila xemx nieżla
u jsirlu l-ħin għall-passtejn
fuq il-konkos
li xi darba kien moll
u li llum inbidel fi promenade
tal-granċijiet, imħar, koċċli, dud u ħniezer il-baħar.
L-irdum taħthom miksi bl-ifjen twapet
tal-ħaxix u bi sġajriet taċ-ċistosejra
ħerġin mill-blat bħall-għargħar f’Ta’ Pennellu.
Iżda l-granċ immigrat – aktarx klandestin –
jibqa’ hemm taħt ma jinkixifx
jinfirex ċatt fuq kull blata
u jiknes kulma jara.

Enter supporting content here

The bulbous plants impatiently reach out.
The life awaiting underground,
In every crack,
Blooms above ...
As in a dance of love.
                                                             (A. Falzon)

ALL PHOTOS AND TEXT COPYRIGHT OF ANNALISE FALZON