 |
 |
 |
Il-Wied tal-Isem Stramb
Il-ġnien tagħna huwa dan: il-wied ta' ismu stramb, fejn nixxabbtu fuq iż-żonqor u ninżlu
sal-qiegħ bil-pass jegħreq fil-ħaxix iffullat u qalb ix-xewk ta' mitt xewka. It-territorju tagħna
huwa dan: fejn titħaxken it-tina mal-blat u jittajru merill wara ieħor. Din hija il-"propjetą" momentarja
naqsmuha biss ma' l-erbat ifriefet li jżuruha u dawk l-oħra li jittajru lejha. U ħalluna bi kwietna
fil-wied ta' ismu stramb ħalli nimtedd mal-ġnub tiegħu inrejjex fis-sħab mal-qattus mixħut
miegħi.
|
 |
Għawma-titjira
Titjira f’wiċċ l-ilma – nofroq il-kurrenti mielħa li jdawruni u jiżolqu minn
fuq il-ġilda bla rix. Taħti jinfirex ix-xagħri ta’ taħt il-baħar, b’merħla
granċijiet kbar ċatti jirgħu jikinsu l-blat ħaj. Familja marzpan tiġri fis-savanna u kullimkien
ilebbet il-mulett. Isaltan fl-ajru-baħar iċ-ċawl-rundun jgħasses il-foresti ta’ l-alka fejn
jitfaċċa l-burqax gwardjan il-qarnita. Il-ġmiem jifrex ma’ l-irdumijiet tal-blat mirdum, biċ-ċistosejra
u denb il-pagun jitmewwġu jitbandlu 'l hemm u 'l hawn 'l hawn u 'l hemm.
Ipnożi.
U nerġa
ninqabad minn għajnejn iċ-ċerna, ħarsa manjetika li twaqqfek u titlob attenzjoni immedjata. Xi trid
tgħidli llum ? X’logħba se nilgħabu ? U tibqa’ tinbex kurjuża ssegwi kull mossa sakemm
nerġa nillandja fuq blat-in-nixfa.
|
 |
Waħdi Mhux Waħdi
Nofs widna ‘l fuq mill-ilma tiġbor l-ilħna tal-merilli. Nofs widna taħt il-wiċċ
tilqa’ ċ-ċapċip taċ-ċaqliq. Ix-xilep jirgħa mal-qiegħ nistħajlu jdeffes
imnieħru f’xi fjura misterjuża u jisfar. Kull blata kullana niċeċ żgħar u
kbar: Il-wied ta’ Binġemma mgħarraq fl-ikħal. Granċ jitperreċ mill-gallarija tiegħu jittawwal
minn taħt l-arkata. Titwila xemx nieżla u jsirlu l-ħin għall-passtejn fuq il-konkos li xi
darba kien moll u li llum inbidel fi promenade tal-granċijiet, imħar, koċċli, dud u ħniezer
il-baħar. L-irdum taħthom miksi bl-ifjen twapet tal-ħaxix u bi sġajriet taċ-ċistosejra
ħerġin mill-blat bħall-għargħar f’Ta’ Pennellu. Iżda l-granċ immigrat
– aktarx klandestin – jibqa’ hemm taħt ma jinkixifx jinfirex ċatt fuq kull blata u jiknes
kulma jara.
|
 |
|
|